Il-passiġġieri huma ħafna għal qalb l-Arriva u għalhekk din tara li toffrilhom vjaġġ sigur u komdu, f'karozza nadifa u miżmuma tajjeb.
Il-kundizzjonijiet tal-ġarr ta' Arriva Malta jelenkaw id-drittijiet tal-klijenti, ir-restrizzjonijiet ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi tal-klijenti tagħha. L-Arriva ġġorr il-passiġġieri u l-proprjetà tagħhom skont dawn il-kundizzjonijiet. Daqstant ieħor tagħmel bil-biljetti tagħha u fi kwalunkwe kuntratt għall-ġarr ta' persuni u l-proprjetà tagħhom li tista' tidħol fih. Dawn kollha jaqgħu taħt dawn il-kundizzjonijiet tal-Arriva.
Tista' tniżżel kopja tal-Kundizzjonijiet tal-Ġarr ta' Arriva Malta minn hawn, jew taqrahom minn hawn taħt:
Il-Kundizzjonijiet tal-Ġarr ta' Arriva Malta Limited (minn hawn 'il quddiem imsejħa "Arriva Malta")
Introduzzjoni
Dawn il-Kundizzjonijiet tal-Ġarr
- Jistabbilixxu d-drittijiet tiegħek, ir-restrizzjonijiet fuq dawn id-drittijiet, u l-obbligi tiegħek bħala klijent ta' Arriva Malta.
- Huma l-kundizzjonijiet li bihom Arriva Malta ġġorr kwalunkwe persuna u l-proprjetà tagħha.
- Japplikaw għal kull biljett maħruġ minn Arriva Malta jew l-aġenti tagħha u għal kwalunkwe kuntratt biex tinġarr kwalunkwe persuna u l-proprjetà tagħha konkluż minn Arriva Malta.
Il-persuni kollha li jivvjaġġaw b'servizz ta' karozza tal-linja provdut minn Arriva Malta jitqiesu li qablu li jinġarru skont dawn il-Kundizzjonijiet.
Il-Kundizzjonijiet huma skont regolamenti statutarji li jinkludu, ir-Regolamenti dwar Servizzi ta' Ġarr ta' Passiġġieri (S.L. 499.56), ir-Regolamenti tal-Awtorità tat-Trasport f'Malta (Uffiċjali tal-Infurzar) (S.L.499.51) u l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378 tal-Liġijiet ta' Malta), u ma jaffettwawx id-drittijiet statutarji tiegħek.
Il-wegħda tagħna lill-klijenti
Il-klijenti tagħna huma importanti għalina u aħna nilqgħu klijenti mill-komunitajiet kollha li nagħtu servizz fihom. Hawn niddeskrivu l-kwalità ta' servizz li nwiegħduk li nagħtuk.
- L-għan tagħna hu li niżguraw li jkollok vjaġġ bla perikli u komdu f'vettura nadifa, li tirrispetta l-ambjent, bl-arja kondizzjonata u miżmuma tajjeb.
- Se tkun tista' tidentifika l-karozzi tal-linja ta' Arriva permezz tal-kuluri distintivi tagħhom akkwamarin u lewn il-krema.
- In-numru tar-rotta u d-destinazzjoni tal-vettura se jkunu murija b'mod ċar fuq quddiem u mal-ġenb li jiġi fuq in-naħa tal-bankina tal-karozza tal-linja filwaqt li fuq wara tal-vettura jintwera biss in-numru tar-rotta.
- Għall-protezzjoni u s-sigurtà tal-klijenti, fil-karozzi tal-linja kollha tagħna se jitwaħħlu kameras tas-sorveljanza CCTV.
- Il-karozzi tal-linja se jkunu misjuqa minn xufiera professjonali bl-uniformi li se jkunu kapaċi jikkomunikaw tajjeb bil-Malti u jifhmu u jitkellmu lngliż basiku.
- Aħna se nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu ta' għajnuna, kortiżi u nittrattaw lin-nies b'rispett.
- Aħna kommessi li nipprovdu firxa ta' biljetti li jagħtuk valur tajjeb għal flusek, sabiex tkun tista' tagħżel dak li l-aktar jgħodd għalik.
Il-kummenti u l-feedback tiegħek
- Aħna se nagħmluha faċli għalik biex tgħidilna x'jogħġbok u x'ma jogħġbokx mis-servizzi tagħna permezz tal-linja tat-telefown tas-servizz għall-klijenti. In-numru fejn tista' tikkuntattjana se jkun muri fuq il-karozzi tal-linja kollha tagħna u se jkun disponibbli bejn is-07.00 u s-19.00. Tista' wkoll tagħtina feedback bil-miktub: għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għas-sezzjoni Kellimna fis-sit elettroniku tagħna arriva.com.mt.
- Aħna nwieġbu l-kummenti tal-klijenti kemm jista' jkun malajr iżda mhux aktar tard minn f'temp ta':
- messaġġi bl-SMS - 10 minuti
- emails - 24 siegħa
- korrispondenza bil-miktub - 5 ijiem.
- Tista' wkoll iċċempel lis-servizz tal-klijent biex tirrapporta, b'mod kunfidenzjali, kwalunkwe tip ta' mġiba ħażina minn kwalunkwe persuna involuta fl-għoti tas-Servizzi. Rapporti marbuta ma' fastidju jew aggravamenti jiġu investigati b'mod urġenti u tittieħed l-azzjoni xierqa kemm jista' jkun malajr.
- Tista' tuża wkoll in-numru tat-telefown tas-servizz tal-klijent biex tirrapporta inċidenti jew xi tip ta' emerġenza.
Limitazzjoni tal-obbligi tagħna lejk
Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex il-karozzi tal-linja kollha tagħna jkunu fil-ħin. Madankollu, ċerti affarijiet li mhumiex fil-kontroll tagħna bħal konġestjoni tat-traffiku, xogħlijiet fit-toroq jew kundizzjonijiet estremi tat-temp jistgħu jaffettwaw il-vjaġġ tiegħek. Aħna se naħdmu ma' oħrajn biex innaqqsu l-impatt fuq il-klijenti tagħna bil-mezzi kollha possibbli li jkollna dak il-ħin.
F'każ ta' kanċellazzjoni, irtirar, dewmien, devjazzjoni jew tmiem ta' xi servizz, jew f'każ li s-servizz ma jkunx disponibbli għalik minħabba li jkun mimli kollu jew għal xi raġuni oħra, aħna m'għandniex ninżammu responsabbli għal xi telf, ħsara, spejjeż jew inkonvenjenza li ssofri b'riżultat ta' dan.
Jekk għal xi raġuni ma jkunx se jiġi użat stejġ partikulari, aħna noħorġu avviż rigward dan minn tal-inqas 5 ijiem qabel u dan l-avviż ikun jindika wkoll liema hu l-eqreb stejġ alternattiv.
Kull bidla li ssir fl-iskedi tkun ippubblikata fl-istejġis rilevanti u fis-sit elettroniku tagħna minn tal-inqas 5 ijiem qabel tibda l-bidla
Aħna bl-edba mod ma neskludi jew nillimitaw l-obbligi tagħna rigward mewt jew korriment personali li jirriżultaw minn negliġenza min-naħa tagħna, u lanqas mhuma affettwati d-drittijiet statutarji tiegħek bħala klijent.
L-Imġieba tal-Passiġġier
Aħna nżommu d-dritt li nirrifjutaw li titla' jew li nitolbuk tinżel mill-karozzi tal-linja tagħna f'kull ħin minħabba raġunijiet ta' sigurtà jew l-imġiba tiegħek. Jekk ma tobdix din it-talba, il-Pulizija jistgħu jniżżluk minnufih mill-karozza tal-linja.
Uffiċjali tal-Pulizija bl-uniformi jew li jkollhom dokument validu li jidentifikom bħala pulizija jistgħu jivvjaġġaw b'xejn bis-servizzi tagħna. Uffiċjali awtorizzati ta' Transport Malta jistgħu wkoll jivvjaġġaw b'xejn sabiex jagħmlu spezzjonijiet
Meta tivvjaġġa bil-karozzi tal-linja tagħna, inti suġġett għal dawn il-Kundizzjonijiet. Jekk ma timxix ma' dawn ir-regolamenti statutarji jew ma' dawk imniżżlin fil-Kundizzjonijiet aħna nistgħu nirrifjutaw li nħalluk tivvjaġġa jew li tkompli tivvjaġġa magħna. B'mod partikulari, inti m'għandekx:
- Tpejjep fl-ebda ħin u fl-ebda parti mill-karozza tal-linja jew iġġorr pipi, sigarri, sigarretti, sulfarini jew lajters mixgħulin.
- Titkellem jew iġġib ruħek b'mod abbużiv, li jhedded jew li jista' joffendi lill-passiġġieri l-oħra jew lill-impjegati. Passiġġieri li fl-opinjoni tax-xufier jidhru li jistgħu jġibu ruħhom b'mod mhux xieraq jew li probabbli huma taħt l-influwenza tal-alkoħol, drogi jew solventi jistgħu ma jitħallewx jivvjaġġaw.
- Ħlief f'każ ta' emerġenza, tkellem lix-xufier waqt li qed isuq il-karozza tal-linja, tersaq ħdejn il-kabina tas-sewwieq, tostakola l-vista tax-xufier jew inkella taljena lix-xufier minn dmirijietu.
- Timblokka l-ħruġ ta' emerġenza, id-dħul għall-vettura li tinsab ħdejn ix-xufier, il-passaġġi jew postijiet oħrajn fil-karozza tal-linja li jistgħu jfixklu s-sigurtà.
- B'mod intenzjonat, tagħmel ħsara, tkerrah, tħammeġ jew tagħmel użu ħażin minn oġġetti mwaħħlin/fissi fil-vettura jew fuq xi parti oħra tal-vettura inkluż is-sedili, jew twaħħal xi ħaġa mal-vettura jew titfa' xi oġġett barra mill-vettura.
- Tieħu sehem f'xi forma ta' attività kriminali jew iġġorr oġġetti perikolużi jew illegali b'xi mod fil-vetturi tagħna.
- Tikkonsma l-ebda tip ta' alkoħol jew oġġetti tal-ikel jew xorb li jistgħu jdejqu lill-passiġġieri l-oħra jew li jistgħu joffendu.
- Iddoqq jew tħaddem xi tagħmir mużikali (inkluż radjijiet, walkman, u telefowns ċellulari) jew strumenti li b'xi mod jistgħu jdejqu lill-passiġġieri l-oħra.
- Tilbes rollerblades, skates jew tipi oħra ta' żraben mhux adattati meta tkun fil-vetturi tagħna minħabba raġunijiet ta' sigurtà.
- Tilbes crash helmets, maskli tal-iskijjar jew kwalunkwe tip ieħor ta' xedd ir-ras maħsub biex jaħbi l-identità tiegħek meta tkun fuq il-karozzi tal-linja tagħna minħabba raġunijiet ta' sigurtà.
- Qatt u fl-ebda punt tħalli tfal żgħar jiġru jew waħidhom inti u tiela' jew nieżel jew waqt li qed tivvjaġġa bis-servizzi tagħna.
Jekk jogħġbok ikkunsidra ukoll:
- Biex tħaffef aktar, jekk jogħġbok ara li, kemm jista' jkun, ikollok flus bl-eżatt - ix-xufiera mhux dejjem ikunu jistgħu jsarrfu l-karti tal-flus.
- Il-biljett jindika li inti ħallast - żommu tul il-vjaġġ kollu.
- Qabel tkun se tinżel, doqq il-qanpiena darba.
- Ix-xufiera jistgħu jiftħu l-bieba tal-karozza fuq l-istejġis biss.
- M'għandhomx jittellgħu oġġetti perikolużi jew li jistgħu jieħdu n-nar.
- Il-basktijiet m'għandhomx jitħallew fin-nofs u għandhom jinżammu tajjeb.
- M'għandek qatt tkellem jew tfixkel lix-xufiera waqt li jkunu qed isuqu.
- L-Arriva ma tippermetti l-ebda intimidar jew abbuż fuq l-impjegati tagħhau tieħu passi ħorox ma' min jinstab ħati ta' dan.
- Kull karozza għandha kamera CCTV.
- It-tipjip mhux permess.
- Tingumbrax il-ħruġ tal-emerġenza.
- Għall-kumdita' u s-sigurta' tiegħek, dil-karozza hi magħmmra b'apparat tas-sigurta' bħal fire extinguishers, kaxxa tal-ewwel għajnuna u mrietel għall-ħġieġ tat-twieqi tal-emerġenza. Qis li dawn jintużaw biss meta jkun hemm bżonn.
- M'għandux isir konsum ta' alkoħol, xorb u ikel li jista' jdejjaq lill-passiġġieri l-oħra.
- Uża l-mowbajl u l-apparat tal-mużika b'mod prudenti.
- Ħu ħsieb it-tfal tiegħek u qis li ma joqogħdux jiġru fil-karozza.
- B'turija ta' rispett, ħalli l-postijiet ta' prijorita' għal dawk li għandhom il-kartanzjan, għan-nisa tqal u għall-persuni b'diżabilita'.
- Mhux permess toqgħod bilwieqfa minn hawn 'il quddiem.
- Mhux permess bejgħ mill-passiġġieri fuq tal-linja.
Għandek dejjem tirrispetta lill-passiġġieri l-oħra u lill-impjegati tagħna, u ssegwi l-istruzzjonijiet li jagħtuk l-impjegati tagħna b'rabta mas-sigurtà u ma' kemm tesa' l-karozza tal-linja. Kull karozza tal-linja jkollha d-dettalji dwar in-numru massimu ta' passiġġieri li tista' ġġorr u b'liema mod il-passiġġieri jistgħu jinġarru.
Gruppi kbar ta' tfal tal-iskola għandhom ikunu sorveljati minn adulti responsabbli. Jekk tavżana bil-quddiem bil-pjanijiet tiegħek tal-ivvjaġġar aħna nagħmlu ħilitna biex ngħinnuk.
Għandek tinforma minnufih lil membru tal-istaff tagħna jekk iġġarrab xi korriment inti u tiela', waqt li qed tivvjaġġa jew nieżel minn vettura.
Il-karozzi tal-linja kollha għandhom allokati siġġijiet li jagħtu prijorità lil persuni li għandhom diffikultà bil-mobilità, nisa tqal, persuni bi tfal żgħar u anzjani. Inti ġentilment mitlub tqum minn fuq dawn is-siġġijiet f'każ li jkun hemm bżonn jintużaw mill-kategoriji ta' passiġġieri msemmija hawn fuq.
Kwalunkew passiġġier li jikser dawn ir-regolamenti jew xi regolamenti statutarji oħrajn jista' jintalab jagħti ismu u l-indirizz minn membru tal-istaff. Passiġġieri jistgħu jiġu mrażżna f'mġibithom jew jinħarġu mill-karozza tal-linja jew mis-siti tagħna minn Uffiċjal tal-Pulizija, jekk aħna nitolbu dan, f'każ li jiksru l-liġi. Aħna nistgħu wkoll nikkanċellaw il-biljett tiegħek mingħajr rimborż u nieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex nipproteġu s-sigurtà, il-benesseri u l-kumdità tal-impjetati tagħna u l-passiġġieri l-oħra.
Filwaqt li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nikkontrollaw l-imġiba ta' passiġġieri oħra fil-karozzi tal-linja tagħna, aħna ma nistgħux ninżammu responsabbli għall-imġiba tagħhom.
Postijiet ta' tlugħ, nżul u waqfien
Il-karozzi tal-linja jieqfu biex itellgħu u jniżżlu passiġġieri f'postijiet ta' waqfien rikonoxxuti li normalment ikunu identifikati bis-sinjal "Bus Stop". Jekk tixtieq titla' f'karozza tal-linja, għandek tagħmel sinjal ċar lix-xufier ta' karozza tal-linja li tkun qed toqrob. M'għandekx tipprova titla' jew tinżel minn vettura li tkun miexja, jew tistenna tal-linja f'postijiet li mhumiex stejġis rikonoxxuti.
Fil-vendi tal-karozzi tal-linja, il-passiġġieri jistgħu jitilgħu u jistennew biss fil-postijiet tat-tlugħ uffiċjali minħabba raġunijiet ta' sigurtà. Ftit qabel mal-karozza tal-linja tasal fil-post fejn inti tixtieq tinżel, inti għandek tiġbed l-attenzjoni tax-xufier billi ddoqq il-qanpiena.
Nollijiet u Biljetti
Tagħrif Ġenerali
Meta titla' fuq karozza tal-linja, kull darba inti għandek jew
- Tħallas in-nol għall-vjaġġ li se tagħmel kemm jekk tintalab tagħmel dan kif ukoll jekk le.
Jew
- Turi lix-xufier biljett validu, pass, jew tip ieħor ta' permess biex tivvjaġġa, flimkien ma' mezz tal-identità b'ritratt li tista' tintalab turi, li jiġi ċċekkjat mix-xufier biex jikkonferma li hu validu għall-vjaġġ li se tagħmel.
In-nolijiet huma ċċarġjati skont it-tabella tan-nollijiet, stabbilita minn Transport Malta, li tista' ssib kopja tagħha fis-sit elettroniku tagħna arriva.com.mt. Jekk jogħġbok innota li japplikaw nollijiet differenti għas-Servizz ta' Billejl u ma tistax taqsam il-vjaġġ tiegħek meta tkun qed tivvjaġġa fuq dan it-tip ta' servizz. Għandek tiżgura li tingħata biljett ġdid maħruġ mill-magna tal-biljetti li jaqbel mal-ammont li ħallast u li huwa validu għall-vjaġġ tiegħek. Għandek tiċċekkja l-bqija u tiġbed minnufih l-attenzjoni tax-xufier jekk ikun hemm xi diskrepanzi peress li wara ma nkunux nistgħu nirranġaw l-iżbalji.
Fil-karozzi tal-linja ma tistax tħallas b'ċekk jew b'kards tal-kreditu/debitu; jista' jagħti l-każ li xi kultant ix-xufiera ma jkollhomx bqija biżżejjed jekk tħallas b'karti tal-flus kbar, għalhekk, kemm jista' jkun, ipprova agħti flus eżatt kemm jiswa n-noll. Ħlas b'kard tal-kreditu/debitu huwa aċċettat biss fil-ħwienet ta' Arriva jew mis-sit elettroniku tagħna meta jinxtraw il-biljetti tagħna tat-tip Saver. Il-Magni tal-Biljetti jaċċettaw ukoll il-kards tal-kreditu u xi kards tad-debitu.
Għandek iżżomm il-biljett tiegħek, il-pass jew dokumentazzjoni oħra rilevanti f'każ li ssir spezjoni minn Uffiċjal matul il-vjaġġ tiegħek. Jekk ma tkunx tista' turi dan jew ikun skada jew ġie mmodifikat, inti tkun obbligat tħallas nol ieħor għall-vjaġġ flimkien ma' multa ta' €10. Dawk il-passiġġieri li ma jħallsux il-multa jkunu ħatja ta' offiża. Aħna ma nirrifondux lura l-flus ta' dan in-nol f'każ li wara inti ssib il-biljett jew xi dokument ieħor li jkun intilef.
Meta tkun għamilt il-vjaġġ li ħallast għalih, jew il-pass tiegħek jew dokumentazzjoni oħra rilevanti jiskadu, inti għandek tinżel mill-karozza tal-linja jew tħallas nol ieħor biex tkompli tivvjaġġa għad-destinazzjoni tiegħek. Hija responsabbiltà tiegħek li jkollok biljett validu għall-vjaġġ kollu.
Jekk m'għandekx biljett, pass jew dokumentazzjoni oħra valida inti tkun obbligat tħallas in-nol tal-vjaġġ kif ukoll multa ta' €10. Kwalunwe passiġġier li jew b'nuqqas ta' ħsieb jew apposta ma jħallasx in-nol dovut jikkommetti offiża kriminali u jekk jinsab ħati jkollu jħallas multa.
Ħlief fejn hu speċifikat l-oppost, biljetti, passes jew dokumentazzjoni rilevanti oħra mhumiex trasferibbli mill-persuna li maħruġin għaliha. Ma tistax tuża biljett validu għal vjaġġi multipli għal aktar minn persuna waħda mutul l-istess vjaġġ.
Hemm struttura ta' nollijiet għall-Gżira ta' Malta u oħra għall-Gżira ta' Għawdew u għalhekk biljetti mixtrija għal ivvjaġġar f'waħda mill-gżejjer ma jintitolawx lill-pussessur li jibqa' jivvjaġġa bihom fil-gżira l-oħra mingħajr ma jixtri biljett ieħor. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija li persuni li għandhom Karta tal-Identità Maltija Uffiċjali jew Ċertifikat ta' Reġistrazzjoni / Karta ta' Residenza (għal ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom) jew Permess ta' Residenza għal Perijodu Twil, kollha maħruġin mill-Gvern ta' Malta, u dokument b'indirizz li jipprova li huma residenti f'Għawdex jistgħu jivvjaġġaw b'xejn fil-Gżira ta' Għawdex jekk jippreżentaw biljett ta' 7 ijiem jew aktar, validu għal vjaġġi fil-Gżira ta' Malta.
Jekk f'ċirkustanzi speċjali inti ma tkunx tista' tħallas in-nol tal-vjaġġ li se tagħmel, ix-xufier għandu d-diskrezzjoni li jaċċetta li jħallik tivvjaġġa biss jekk il-vjaġġ tiegħek jitqies neċessarju u bil-kundizzjoni li tipprovdi ismek, l-indirizz u xi dettalji oħra li jsostnu l-identifikazzjoni tiegħek u dawn jissodisfaw lix-xufier. Klijenti vulnerabbli, tfal taħt is-16-il sena u nies li fl-opinjoni tax-xufier jinsabu f'diffikultà u ma jistgħux iħallsu n-nol dovut jitħallew jivvjaġġaw dejjem jekk huma jipprovdu isimhom u l-indirizz sabiex in-nol dovut ikun jista' jitħallas, flimkien ma' spejjeż amministrattivi xierqa, f'data futura.
Nollijiet għat-Tfal
It-tfal ta' taħt il-tliet snin ma jħallsux sakemm dawn huma akkumpanjati minn passiġġier ieħor li qed jivvjaġġa skont ir-regoli ta' Arriva. F'każ li s-siġġijiet kollha jkunu okkupati f'karozza tal-linja jkun apprezzat jekk dawn it-tfal jitpoġġew f'ħoġor l-adult li jkun qed jakkumpanjahom.
Ir-rata tat-tfal tapplika għal persuni li għandhom bejn 3 u 10 snin. Jekk ix-xufier ikollu dubju rigward l-età ta' xi tifel/tifel, dan/din jista' jkollu jħallas in-nol tal-adulti.
Nollijiet għall-Istudenti
nollijiet għall-istudenti huma disponibbli għal persuni li għandhom bejn 11 u 16-il sena, inklużi, u kwalunkwe persuna li tista' tipprovdi evidenza li hija rreġistrata f'kors full time, li huwa twil aktar minn 3 xhur, ma' istituzzjoni edukattiva reġistrata mal-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni f'Malta.
Persuni Anzjani
Ir-rata tal-persuni anzjani tapplika għal persuni li għandhom Kartanzjan maħruġa f'isimhom mid-Dipartiment tal-Gvern responsabbli. Persuni li għandhom sittin sena jew aktar li ma jippreżentawx il-Kartanzjan iħallsu r-rata sħiħa tal-adulti.
Persuni d'diżabilità
Din il-konċessjoni tingħata sabiex dawn il-passiġieri jiffukaw li jitilgħu fuq tal-linja mingħajr periklu, u jkunu jistgħu jippożizzjonaw u jpoġġu s-siġġu bir-roti fl-ispazju allokat għas-siġġijiet bir-roti.
Ivvjaġġar konċessjonarju
Jekk għandek permess li jintitolat għal nollijiet imnaqqsa jew Saver Card, jekk jogħġbok uri dan/din lix-xufier kull darba li titla' fuq karozza tal-linja ta' Arriva. Il-validità ta' passes individwali hija ddeterminata minn Transport Malta u/jew Arriva Malta.
Persuni b'Karti tal-Identità Diplomatiċi
Arriva Malta qiegħda tħalli lid-dipendenti ta' persuni li għandhom Karta tal-Indentità Diplomatika jivvjaġġaw bl-istess rata li jħallsu persuni residenti (dawk li għandhom Karta tal-Identità Maltija Uffiċjali jew Ċertifikat ta' Reġistrazzjoni / Karta ta' Residenza (għal ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom) jew Permess ta' Residenza għal Perijodu Twil, kollha maħruġin mill-Gvern ta' Malta). Din il-konċessjoni hija marbuta b'dawn il-kundizzjonijiet: li dawk il-passiġġieri li jixtiequ jużaw is-servizz tagħna iridu dejjem ikollhom magħhom il-Karta tal-Identità Diplomatika (kif maħruġa mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin). Dawn iridu jippreżentaw din il-Karta tal-Identità Maltija Uffiċjali jew Ċertifikat ta' Reġistrazzjoni / Karta ta' Residenza (għal ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom) jew Permess ta' Residenza għal Perijodu Twil, kollha maħruġin mill-Gvern ta' Malta lix-xufier hekk kif jiġu biex jixtru l-biljett appositi minn fuq il-karozza tal-linja. Din il-Karta tal-Identità għandha wkoll tintwera għall-ispezzjoni minn Uffiċjali tal-Arriva waqt il-vjaġġ, jekk ikun hemm bżonn.
Biljetti mitlufin/imħassrin (inkluż is-Saver Cards)
Arriva mhijiex se tħallas lura jew tagħti refunds fuq biljetti li jintilfu jew jitħassru. Dan jinkludi wkoll is-Saver Cards tal-Arriva u kwalunkwe biljetti jkollha fuqha. Dawk il-klijenti li jitilfu s-Saver Card tagħhom iridu jħalsu prezz ta' €5 sabiex tinħarġilhom Saver Card oħra. Din il-Card il-ġdida tinħareġ mingħajar ebda biljetti fuqha u l-klijenti jridu jerġgħu jixtru l-biljetti (a spiża tagħhom) sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jużaw din il-Card biex jivvjaġġaw fuq karozzi tal-Arriva.
Għal aktar tagħrif dwar il-firxa ta' biljetti ta' Arriva u minn fejn tista' tixtri ċerti tipi ta' biljetti żur is-sit elettroniku tagħna arriva.com.mt.
Ġarr ta' siġġijiet bir-roti, buggies u Roti
Jekk ikun hemm spazju u dejjem fid-diskrezzjoni tax-xufier, aħna nġorru siġġu bir-roti wieħed (mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' għajnuna minn terzi persuni) jew sa' żewġ bagis, pramms jew puxċers f'karozza tal-linja. Kwalunkew oġġett li juża r-rampa m'għandux ikun itqal mil-limitu tal-piż indikat.
Id-daqs taż-żona ta' prijorità normalment tippermetti l-ġarr ta' siġġu bir-roti mhux ogħla minn 120ċm u mhux usa' minn 70ċm.
Matul il-vjaġġ, bagis, pramms, puxċers, siġġijiet bir-roti, carriers, għandhom jiġu ppożizzjonati b'mod sigur fiż-żona tal-art baxxa u / jew fl-ispazju ta' prijortà b'mod li jkunu stabbli u ma jostakolawx jew joħolqu periklu għal klijenti oħra.
Ix-xufiera jagħtu parir dwar iċ-ċirkustanzi li ma jippermuttux lil utenti ta' siġġijiet bir-roti jivvjaġġaw b'mod sigur. Dan jinkludi s-saħħa u s-sigurtà tagħhom infushom kif ukoll tal-klijent b'diżabilità, ta' passiġġieri oħra jew ta' membri tal-pubbliku, jew tal-vettura u t-tagħmir tagħha.
Ix-xufier għandu d-diskrezzjoni jitlob li l-puxċers u l-bagis jingħalqu f'ħinijiet b'attività għolja, jew jistaqsi lill-okkupanti ta' żona ta' prijortà biex jersqu f'parti oħra tal-vettura jekk klijent jixtieq jitla' fuq tal-linja b'siġġu bir-roti. Inti għandek tikkopera u tqum mill-ispazju ta' prijortà sabiex jintuża għall-għan indikat jekk dan ikun meħtieġ sabiex jintuża minn utenti ta' siġġu bir-roti.
Roti li jingħalqu u li jkunu qed jinġarru mill-utenti f'valiġġetta jistgħu jittellgħu u jitpoġġew fl-ispazji xierqa ddedikati għall-bagalji f'vettura meta ma jkunx hemm periklu u b'konsiderazzjoni għall-klijenti l-oħra u l-proprjetà personali tagħhom. Roti mhux magħluqa ma jinġarrux fil-karozzi tal-linja tagħna.
Skuters għal mobilità ma jinġarrux fil-karozzi tal-linja tagħna.
Bagalji
Ħlief fil-każ ta' karozzi tal-linja mgħammrin bi spazju għal bagalji, minħabba raġunijiet ta' sigurtà u għall-kumdità tal-klijenti tagħna kollha, aħna nżommu d-dritt li nirrifjutaw jew nillimitaw id-daqs u t-tip ta' bagalji jew proprjetà personali li inti tista' ttella' fuq il-karozzi tal-linja tagħna. Inti tista' ttella' bagalji żgħar jew oġġetti personali żgħar oħra u dan fid-diskrezzjoni tax-xufier, bil-kundizzjoni li dawn ma' jkunux goffi u ma joħolqux periklu jew inkonvenjent għall-passiġġieri l-oħra jew l-impjegati. Inti tibqa' dejjem responsabbli li ġġorr b'mod sigur l-oġġetti li ttella' miegħek abbord, li tara li jkunu stabbli u li timmaniġġjahom inti, inkluż likwidi jew żebgħa li għandhom jinġarru f'kontenituri siġillati u miżmuma f'boroż/basktijiet adattati.
Inti tista' ma titħalliex tivvjaġġa jekk l-ispazju disponibbli għal ġarr ta' bagalji jkun diġà mimli jew jekk, fl-opinjoni tax-xufier, il-bagalji jew l-oġġetti personali tiegħek se jibblukkaw il-passaġġi jew l-aċċess għall-ħruġ ta' emerġenza tal-vettura. Aħna ma nistgħux ninżammu responsabbli għall-ebda tip ta' telf jew inkonvenjenza li inti ġġarrab jekk ma titħalliex tivvjaġġa f'dawn iċ-ċirkustanzi, jew jekk issofri telf jew ħsara fil-bagalji jew f'oġġetti personali oħra waqt li tkun fuq il-karozza tal-linja.
Oġġetti jew materjali kombustibbli jew perikolużi ma jistgħux jinġarru fl-ebda ċirkustanza minħabba raġunijiet ta' sigurtà. Dawn jinkludu batteriji goffi mhux siġilati u petrol. Madankollu, klijenti li għal raġunijiet mediċi personali jużaw unità jew ċilindru wieħed tal-ossiġnu li jista' jinġarr jitħallew jivvjaġġaw iżda qatt ma jista' jkun hemm aktar minn ċilindru wieħed f'karozza tal-linja. Iċ-ċilindri għandhom jinħażnu u jintużaw skont l-istruzzjonijiet tal-fornitur jew tal-manifattur.
Annimali
Klieb ta' gwida, klieb li jgħinu fis-smigħ u klieb ta' assistenza jinġarru dejjem.
L-annimali l-oħra kollha, li ma jkunux ta' periklu jew inkonvenjent għall-passiġġieri l-oħra jew għall-istaff, jitħallew jivvjaġġaw bis-servizzi tagħna bil-kundizzjoni li dawn jinġarru f'gaġeġ jew ġarriera adattati u miżmuma f'ħoġor il-persuna li tkun qed takkumpanjahom. Jekk ittella' xi annimal f'karozza tal-linja, inti tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ħsara, telf jew korriment li jirriżulta mill-preżenza tiegħu fuq tal-linja.
Proprjetà mitlufa
Aħna nagħmlu li nistgħu biex insibu u nirritornaw lis-sid proprjetà li tkun tħalliet fil-karozzi tal-linja tagħna. Jekk issib xi proprjetà mitlufa f'karozza tal-linja, jekk jogħġbok agħtiha lix-xufier.
Sakemm il-persuna li tilfet l-oġġett ma titlobx il-proprjetà mitlufa fi żmien ħmistax-il minuta (15) u jekk l-oġġett ma jitħassarx jew ma jkunx oġġezzjonabbli, aħna nibgħatu l-proprjetà mitlufa f'Għassa tal-Pulizija fi żmien erbgħa u għoxrin (24) siegħa, u s-sid ikun jista' jiġborha minn hemm.
Tagħrif mixxellanju
Dawn il-Kundizzjonijiet jikkostitwixxu l-ftehim sħiħ ta' bejnietna. Ħadd mill-impjegati tagħna ma jista' jbiddel jew ivarja xi dispożizzjoni ta' dawn il-Kundizzjonijiet tal-Ġarr. Aħna nżommu d-dritt li nemendaw ċerti kundizzjonijiet f'kull ħin mingħajr ma nagħmlu avviż speċifiku.
Arriva Malta Limited
It-3 ta' Lulju 2011